Nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Settembru 2020 saret il-Laqgħa Ġenerali tal-Għaqda. Din saret ġewwa l-bitħa tas-Santwarju, il-Mellieħa u saret skond il-miżuri tas-saħħa hekk kif maħruġa mill-istess awtoritajiet tas-saħħa. Din il-laqgħa li għalija attendew aktar min 60 Soċjetà membru ta’ l-għaqda saret bil-kollaborazzjoni tal-kumitat tal-Banda Imperial u min hawn L-Eżekuttiv jixtieq jirringrazzja lil l-istess Kumitat ta’ l-għajnuna li sibna. Nixtiequ wkoll nirringrazzjaw lil Parroċċa tal-Mellieħa li tagħtna l-faċilta li nagħmlu użu mill-bitħa tas-Santwarju.

Hekk kif konna ħabbarna lis- Soċjetajiet membri ta’ l-Għaqda din il-laqgħa kienet ser tkun qed timmarka t-tmiem tal-ħidma ta’ Joseph C Azzopardi jew kif aħjar magħruf JC bħala Segretarju Ġenerali ta’ l-Għaqda. Bħala apprezzament tax-xogħol kbir li għamel JC għal ġid tal-Baned tagħna JC ingħata mobile scooter li inxtara grazzi għad-donazzjonijiet miġbura mill-maġġoranza tas-Soċjetajiet Mużikali u xi individwi oħra. Dan ir-rigal żgur li ser ikun ta’ għajnuna fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum.

Kien ukoll ġest sabiħ li bħala riaffermazzjoni tax-xogħol kbir li għamel fi ħdan din l-istess Għaqda s-Soċjetajiet Mużikali qablu li JC jiġi approvat bħala Segretarju Ġenerali Onorarju Ad Vitam ta’ l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.

Il-President flimkien mal-kumplament ta’ l-Eżekuttiv jixtiequ wkoll jifirħu lis-Sur Raymond Zammit li ġie maħtur b’mod unanimu bħala s-Segretarju Ġenerali l-Ġdid ta’ l-Għaqda tagħna. Awguri Ray f’dan ir-rwol ġdid!

Waqt din l-istess laqgħa kienu wkoll mistiedna l-istudenti li għadhom kif temmew b’suċċess il-kors tad-Diploma in Wind Band Studies li sar fl-Università ta’ Malta. Huma ġew preżentati b’ċertifikati talli kienu attendew għal kors fid-direzzjoni mużikali li kienet organizzat l-Għaqda fi Frar ta’ din is-sena u kien tmexxa Mro Helge Haukås.

Leave a comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *