Għadu kemm ġie imniedi fond li qed jinkoragixxi t-tagħlim ta’ dawk l-istrumenti li hemm nuqqas tagħhom fis-Soċjetajiet Mużikali tagħna. Dawk is-Soċjetajiet li jixtiequ japplikaw għal dawn il-fondi jistgħu jagħmlu dan billi jidħlu fuq is-sit www.vofunding.org.mt

Wieħed jista jara l-linji ġwida billi jagħfas hawn taħt:

Hawn taħt issibu id-diskorsi li saru waqt it-tnedija ta’ dan il-fond tal-Ministru Owen Bonnici u tal-President tagħna Dr. Noel Camilleri.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura  u Gvern Lokali, permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Każini tal-Banda nedew fond gdid li hu mmirat għax-xiri ta’ strumenti mużikali ta’ Soċjetà tal-Banda Maltija.

“Il-fond se jkompli jsaħħaħ ix-xogħol li jagħmlu s-Soċjetajiet Mużikali, biex tiġi promossa aktar il-mużika fil-komunitajiet tagħna, filwaqt li ngħinuhom biex jixtru u jrawmu aktar l-edukazzjoni fuq strumenti. Din hija wegħda elettorali oħra mwettqa,” stqarr il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt it-tnedija ta’ dan il-fond. Bonnici rrefera għall-attivitajiet frekwenti organizzati mis-Soċjetajiet Mużikali b’mod li jkompli jżidu l-ħajja tal-kultura u t-tradizzjonijiet fil-lokalitajiet tagħna. “Inizjattivi bħal dawn tas-Soċjetajiet Mużikali jagħmlu s-settur kulturali u artistiku aktar aċċessibbli għal kulħadd u jipprovdu l-aħjar pont għaż-żgħar tagħna biex jiskopru t-talenti tagħhom. Għalhekk huwa fi dmir tagħna li nkomplu nsaħħu l-edukazzjoni tal-mużika fi ħdan il-komunità,” kompla jgħid Owen Bonnici.

Dan il-fond hu għall-ko-finanzjar ta’ strument li jinxtara għall-użu minn bandist/i rreġistrati as-Soċjetà li qiegħda tapplika. Il-fond jista’ jkopri sa 85% tal-ispiża totali tal-proġett u l-proposta trid tinkludi programm edukattiv dettaljat u realistiku, u tinkludi l-isem u l-esperjenza tal-għalliem, flimkien ma dak li mistenni li jkun it-tagħlim proġettat. Il-lista ta’ strumenti eliġibbli taħt din l-iskema huma l-piccolo, oboe, cor anglais, bass clarinet, bassoon, baritone saxophone, eflat trumpet, flugelhorn, bass trombone u d-double bass.

Il-bandist/i reġistrati jrid ikollhom minn tal-inqas sentejn esperjenza fid-daqq ta’ strument tal-istess familja mużikali li qiegħed jiġi propost ko-finanzjar fuqu u/jew tliet snin jekk tkun se tinqaleb it-tip ta’ strumentatura. Il-bandist huwa mistenni li jidher quddiem panel ta’ esperti għal smigħ biex jiġi ddeterminat il-livell tajjeb ta’ kompetenza.  Il-proġett propost irid ikollu xejriet innovattivi, professjonali u kreattivi fejn jidħol it-tagħlim u l-implimentazzjoni tiegħu. L-applikazzjoni trid ukoll tikkunsidra s-sostenibbiltà fit-tul tal-proġett, kif ukoll l-iskop u l-benefiċċji.

Il-proposti jridu jitressqu fuq www.vofunding.org.mt sat-3 ta’ Diċembru f’Nofsinhar. Applikazzjonijiet wara din id-data u l-ħin mhux se jiġu aċċettati mis-sistema.

DISKORS TAL-PRESIDENT TA’ L-GĦAQDA KAŻINI TAL-BANDA

L-GĦKB ilha tħoss li ċerta strumentatura kienet qegħda tintilef u dan b’detriment tal-Baned tradizzjonali Maltin u Għawdxin.

Kien għalhekk li fuq talba tal-GHKB u b’kollaborazzjoni sħiħa mill-ACM u bl-appoġġ kontinwu tal-Ministru Owen Bonnici ġiet mfassla din l-iskema. Bħala GĦKB qegħdin inħeġġu lis-soċjetajiet tal-Banda sabiex jaħftu  din l-opportunita’ tad-deheb u japplikaw għall-fondi ħalli fejn hemm nuqqaas ta’ ċerti strumenti, nerġgħu nibdew naħdmu ħalli ndaħħlu dik l-istrumentatura li tiddistingwi l-baned tradizzjonali tagħna minn formazzjonijiet oħra ta’mużiċisti li ma jistgħux jitqiesu bħala soċjetajiet tal-banda b’bażati primarjament fuq ħidma volontarja fejn it-tagħlim tal-mużika prinċipalment jingħata mingħajr ħlas u dana fl-interess tal-kommunitajiet fejn joperaw.

Irid nirringrazzja lill-Kunsill Malti għal-Arti li l-GĦKB għandha relazzjoni ferm tajba u nawguraw li din tkompli tissaħħah fi proġetti u skemi oħra għall-benefiċċju tas-soċjetajiet tal-Banda. Nixtieq ngħid ġrazzi lil kull min kellu sehem fit-tfassil ta’din l-iskema fosthom Ray Calleja, Dr. Jes Grixti, Marvel Vella u Rendell Micallef. Imma ma nistax ma nzih ħajr lill Ministru Bonnici tas-sostenn kontinwu mhux biss lill-GĦKB  imma anke lis-soċjetajiet tal-Banda liema sostenn isir b’konvinzjoni lis-soċjetajiet tal-banda huwa pedina importanti fl-identità kulturali ta’pajjiżna.


Leave a comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *