Stqarrija għal-Istampa

F’Laqgħa kordjali li saret illum bejn il-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Profs. Charmaine Gauci, flimkien ma’ rappreżentanza mill-Kurja tal-Arċisqof u l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda kien diskuss kif jistgħu jkunu ċċelebrati din is-sena, attivitajiet reliġjużi esterni u l-festi esterni fl-ibliet u l-irħula.

Il-prinċipju ewlieni ta’ dawn id-diskussjonijiet kien li s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi tibqa’ tingħata prijorità.

B’hekk jekk il-każijiet tal-Covid fil-komunità jibqgħu taħt kontroll, minn April 2022 l-attivitajiet reliġjużi esterni u dawk festivi jistgħu jerġgħu jiġu ċċelebrati b’responsabbiltà. Dan ifisser li l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira jkunu l-ewwel li jerġgħu jsiru, bi protokolli għal min isegwi. Bis-sitwazzjoni taħt kontroll il-festi tas-sajf imbagħad jiġu ċċelebrati b’mod normali.

Attivitajiet marbuta mal-festi li ser jiġu ċċelebrati fix-xhur ta’ Frar u Marzu jistgħu jiġu organizzati skond il-protokolli preżenti.

L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda tħeġġeġ lil kull min hu involut fil-festi sabiex jibqgħu juru serjetà u dixxiplina ħalli nerġgħu niċċelebraw u norganizzaw l-attivitajiet reliġjużi u l-festi esterni li jiffurmaw parti mill-patrimonju Malti.

Tħeġġeġ ukoll lid-dilettanti tal-festi jikkonkorru għat-tilqim hekk kif dan jgħin biex jinżammu taħt kontroll l-agħar effetti tal-pandemija.

Leave a comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *