Wara l-istqarrija li saret ilbieraħ mid-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Dr Chris Fearne, fejn ħabbar miżuri ta’ limitazzjoni għall-attivitajiet tal-massa, dalgħodu l-President ta’ l-Għaqda ġie mgħarraf mill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles J. Scicluna fejn ġie konfermat li min din il-ġimgħa, l-pellegrinaġġ tal-festa ser ikun limitat għal 100 persuna. Dan jinkludi wkoll lill-banda/baned skond dak diġà miftiehem bejn il-Kurja u l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.

Fid-dawl ta’ din il-miżura ta’ limitazzjoni ta’ 100 persuna anke għal pellegrinaġġi, l-Eżekuttiv tal-Għaqda Każini tal-Banda jħoss li din ma hijiex soluzzjoni reali, b’mod partikolari fejn hemm żewġ baned, minħabba n-numru hekk limitat.

Huwa importanti li bħala soċjetajiet għandha nibqgħu nimxu b’maturita u prudenza u huwa għalhekk li l-Eżekuttiv ta’ l-Għaqda Każini tal-Banda qiegħed jirrakkomanda lil membri tagħha sabiex taħt dawn il-limitazzjonijiet presenti ma jieħdux sehem fil-pellegrinaġġi jekk dawn isiru. Dan qed jintalab mhux biss fl-interess tal-poplu imma ukoll għaliex l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda tħoss li bil-limitazzjonijiet l-ġodda lanqas il-pellegrinaġġi ma għandhom isiru.

L-Għaqda tkompli tħeġġeġ lill-membri tagħha sabiex nibqgħu responsabbli u b’għaqal nibqgħu naħdmu flimkien fl-interess tal-komunitajiet.

Navżaw ukoll lill-Kumitati sabiex il-bottegini u l-ambjenti tas-sede tas-Soċjetajiet tagħhom jinżammu skond id-direttivi li ngħataw mill-MTA biex anke hawn nkomplu nuru s-serjetà li jitmexxew is-Soċjetajiet tal-Banda. L-Eżekuttiv ifakkar fl-importanza tad-distanza soċjali, l-iġjene personali, is-sanitazzazjoni ta’ l-idejn u l-ilbies tal-maskri.

L-Eżekuttiv

Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda

Leave a comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *