B’referenza għall-komunikat li ħareġ mid-Djoċesi ta’ Għawdex b’rabta mal-festi 2020 u d-dimensjoni ġdida li ser jingħataw konsegwenza ta’ Covid-19, l-Għaqda Nazzjonli tal-Baned Maltin trid tagħmel numru ta’ osservazzjonijiet.

Qabel xejn, wieħed jifhem kemm dawn huwa żmien delikat għall-pajjiż kollu u japprezza l-ħidma li qed isir fuq livell mediku, ekonomiku u soċjali mill-Awtoritajiet tal-pajjiż.

Irid jingħad li din l-istqarrija mhux qed isir biex b’xi mod l-Għaqda tiġġustifika għalfejn għandhom isiru l-festi, l-Għaqda tifhem, taqbel u se taderixxi mal-istruzzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, iżda trid tinġibed l-attenzjoni fuq il-fatt li:

  • L-Għaqda kitbet lill-Awtoritajiet tal-Knisja sabiex isir laqgħa u fiha jkun hemm diskussjoni sana. Din il-laqgħa baqgħet qatt ma saret. Konsegwenza ta’ hekk il-komunikat li nħareg isemmi l-elementi kollha tal-festa Maltija barra l-Għaqdiet tal-baned;
  • L-Għaqdiet Mużikali għandhom rwol importanti fit-tradizzjonijiet Maltin, fil-kultura Maltija, fil-festi Maltin u fl-istorja soċjali tal-pajjiż sa mis-Seklu 19
  • L-Għaqda tħoss li kemm il-darba huwa maħsub mill-Awtoritajiet tal-Knisja li jsiru manifestazzjonijiet ridotti fuq barra, u dan dejjem sta għall-permess li jingħata mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, il-baned għandhom jieħdu sehem u mhux jinkiteb li m’għandux ikun hemm baned;

L-Għaqda se tibqa’ tkun miftuħa għad-djalogu u se tibqa’ timxi mal-istruzzjonijiet kollha li jingħataw mill-Awtoritajiet tas-saħħa kemm il-darba jibqa’ jkun hemm direzzjoni li attivitajiet tal-massa ma jsirux iżda ma tistax taqbel ma’ impożizzjonijiet li jagħmlu aktar ħsara milli ġid. 

Leave a comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *